Thursday, December 29, 2011

Intlift, ktiebt u sirt. Sirt poeta, sirt il-poeżija. Il-poeżija tal-lejl...

Ħrabt... Ħrabt għal mument min dawk l-erbgħa ħitan ta' kamarti li għal iljili provdewni b'wens u b'protezzjoni mil-maltemp.

Ilbist qalziet u qmis u ħrabt niġri wara n-noti ħelwin tal-pjanu u l-vjolin.

Ħrieġt fil-beraħ, għal-arja friska tal-lejl. Għad-dawl isfar tal-lampi għal darba oħra u l-misteru tas-swar u tat-tlett ibliet! Għat-toroq vojta mixħuta hawn quddiemi, għalija biex interraq fijhom għal-darba oħra. Għal-baħar u l-ħoss tal-mewġ iċafċaf mal-blatt. Għal-forti Sant Anġlu, l-Port il-Kbir, u l-belt Valletta!

Hawn jien insir (il-)poeta, ma dawn in-noti ħelwin tal-musika. Hawn fejn ħadd ma jafni ħlief il-lejl, u l-ħoss tal-weraq iħaxwex, jisfen mar-riħ fuq rasi. Hawn l-ispirtu jinħeles, l-qalb tinfetaħ, u l-kliem bħal manna fid-desert jinfirxu fuq il-parċmina u jagħtuni l-ħajja, n-nifs, is-saħħa. Ħajti, r-realta tqila li jien ngħix, hawn teħfif, issir bħal rixa ta' tajra li saret u waqat mil-mant ta' ċinju.

Nimxi fuq dan il-pont li jagħti għal ġewwa l-belt ta' Vittoriosa, taħti (l-ġnien taż-żebbuġ) l-foss mimli siġar taż-żebbuġa. Malta, art twelidi, ġojjel f'nofs il-baħar mediterran. Il-ġebla tal-franka, l-baħar, l-isqaqin iserpu, u l-kantunieri moħbija f'qiħ l-istorja, l-palazzi u l-bereġ! D-daħk ta' l-injorant u s-sakranaz fil-każin. Il-veduta ta' Bighi, l-Kalkara u l-belt. L-bank, l-funtana, r-riħ, l-baħar iswed u lilhin.

Jien.

Waħdi.

Trankwil, kwiet u liberu.

Paċi. Memorji. Noti ħelwin tal-pjanu. Arja. Il-present.

Min hawn għal fejn?

Minn jaf?

Naf li bħalissa ħaj, hawn fuq is-swar inħares lejn din il-veduta maġika, misterjuża. Jien artist, poeta, pittur, żeffien. Hawn jien sabiħ. Il-lejla l-frisk.

Tajjeb. Hekk għandu jkun.

Intlift, ktiebt u sirt. Sirt poeta. Sirt il-poeżija. Sirt il-poeżija tal-lejl.

Min jista jisraqli dan il-mument? Min jazzarda jisraqli dan il-mument?

Miksin hu. Miskina hi.

Dan l-iżveljarin idoqq f'widnejja. Sejħa biex inqum, inqum għal-ħajti lura ġewwa l-gzira ta' Malta wara erbgħa xhur f'art imbeda. Iva, ħa nkompli. Għaliex jien ixurtjat li qiegħed hawn, nisfen din iż-żifna tal-ħajja, nikteb din l-istorja, din il-poeżija ħajti.

Ktiebt.

Nisma dawn in-noti ħelwin u nieħu n-nifs. Il-pulmun jereq fl-arja pura, friska ta' hawn fuq. Ma rridx li dan il-mument jispiċċa. Imma aħjar immur, għax il-bard qed jaħkem dan ġismi rqiq, fraġli u delikat. Imma l-lejla għixt, ħadt in-nifs.

Sirt poeta, il-poeżija... il-poeżija tal-lejl... 

Bħal meta int tisfen...

Bħal meta int tisfen, jien nintilef fid-dinja tal-kliem, fil-mument. Insir il-poeżija bħal ma int issir il-muviment. Il-musika, il-ġifen li jieħdok f'dik l-art utopja, f'dak l-ispazju, hemm fil-fond ta' qalbek. Fi spazju li lest biex jilqek u jimtela bil-ġmiel ta' l-ispirtu (tiegħek), bil-kulur. Fi spazju fejn tista tiftaħ ġwenħajk u ttir il-fuq fis-sħab. Fejn issir ħaġa waħda man-natura, ma l-univers, mad-dawl u mad-dlam, mal-ħajja u mal-mewt, mal-bnazzi u mal-maltemp, ma l-animal, mas-siġra, (mas-sbuħija kollha tad-dinja), ma l-istillel, u l-pjaneti. Ma l-idea, mal-kunċett, mal-ħallieq.

O xi sbuħija, o x'għasel ta l-ispirtu! Int o poeżija, int o mużika, l-leħen ta' ruħi, ta' dawn id-dmugħ fuq xfar għajneja, fuq wiċċi. L-leħen ta' dan il-paċi, ta' dan il-ferħ li qed inħoss ġewwa qalbi.

Grazzi, grazzi, u grazzi o poeżija, tali għal darba oħra tajtni n-nifs u fakkartni li jien ħaj.